Tuesday, October 24, 2017
Select the search type
 
  • Site
  • Web

FAQs in the construction industry (Maltese)

IS-SAFETY HELMET ITELLIFNI META NKUN QIEGĦED NERFA L-ĠEBEL, NISTA NOQGĦOD MINGĦAJRU ĠEWWA SITI TA’ KOSTRUZZJONI?

Bħala regola ġenerali, l-elmu protettiv jew is-safety helmet għandu jintlibes il-ħin kollhu li wieħed ikun f’sit ta’ kostruzzjoni. Naturalment, jekk dan verament ikun aktar ta’ dannu milli ta’ protezzjoni, jew jekk is-safety helmet li għandek ma’ jippermittelekx li terfa’ sewwa, allura ftakar li wieħed jista’ jsib elmi ta’ protezzjoni ta’ diversi tipi u għamla u għadek tuża dak l-elmu li l-aktar huwa addattat għalik u li jipproteġik.

Li wieħed joqgħod mingħajr elmu ta’ protezzjoni ma’ għandiex tkun ir-regola iżda f’ċerti każi biss tista’ tkun l-eċċezzjoni. Staqsi lill-suppliers renomati jew jekk ikollok xi problema fl-għażla ta’ liema elmu trid tuża.

ALLURA JEKK MA’ JKUNX HEMM XEJN FUQ RASI LI JISTA’ JAQA GĦANDI NILBSU WKOLL?

Iva, l-elmu ta’ protezzjoni għandu jinżamm fuq ir-ras il-ħin kollu. Dan jista’ jipproteġik anke jekk taħbat rasek ma’ xi oġġett iebes. Jekk ikun hemm xi ħaġa li tista’ taqa fuq rasek, l-ewwel għażla għanda tkun li tirmedja s-sitwazzjoni biex ma’ jaqa xejn għal-isfel.

Fejn hu teknikament possibli l-ħaddiema għandhom ikunu protetti b’metodi kollettivi kontra oġġetti li jistgħu jaqgħu. Materjali u apparat għandu jkun mifrux jew stakkjat b’tali mod li jkun evitat li jistgħu jaqgħu jew jinqalbu. Fejn ikun hemm bżonn, għandu jkun hemm passaġġi mgħottija fuq il-ġemb jew inkella għandu jkun impossibli li jsir xi dħul għal inħawi perikolużi.

F’każ li jkun hemm tagħbija ta’ krejn fuq l-irjus, allura warrab u toqodx taħt it-tagħbija. Tagħbijiet bħal dawn għandhom jagħddu minn inħawi fejn ma’ hemm ħadd.

Ftakar li jekk f’tul ħajtek kollha l-elmu jiffrankalek korriment f’rasek wieħed biss, ukoll ikun għamel xogħolu u bqajt tgawdi saħħtek. Ftakar ukoll li korriment fir-ras jista’ jkollu konsegwenzi serji ħafna.

IS-SAFETY SHOES IWEĠĠANI, NISTA’ NOQGHOD MINGĦAJRU U NILBES ŻARBUN ORDINARJU MINFLOK?

Iż-żraben ta’ protezzjoni jew is-safety shoes huma bżonnjuzi biex jipproteġuk minn ċerti perikli li wieħed isib f’siti tal-kostruzzjoni. Dawn jistgħu jipproteġuk minn waqat ta’ oġġetti fuq is-swaba, oġġetti bil-ponta (bħal imsiemer) sporġuti l-fuq, żlieq u anke minn ċerti perikli tal-eletrriku, fost affarijiet oħra.

Hemm diversi tipi u għamliet ta’ żraben ta’ protezzjoni, sib dawk l-aktar addattati għalik u li jipproteġuk, u toqogħdx mingħajrhom. Ftakar li l-ħaddiem għandu wkoll obbligi legali biex iħares is-saħħa u sigurta’ tiegħu stess.

MIN IRID JIXTRIEĦ IŻ-ŻARBUN TA’ PROTEZZJONI, IL-ĦADDIEM JEW L-IMGĦALLEM?

Kull tagħmir protettiv personali, inkluż iż-żarbun ta’ protezzjoni, għandu jingħata lill-ħaddiem mingħajr ebda ħlas minn min iħaddem. Dan ta’ l-aħħar għandu wkoll jara li l-ilbies protettiv jiġi wżat sew u li jinżamm f’kundizzjoni tajba. Il-ħaddiem minn naħa tiegħu huwa obbligat li jagħmel użu korrett tat-tagħmir protettiv personali mogħti lilu.

IT-TURĠIEN TA’ BINI LI GĦADU TAĦT KOSTRUZZJONI JRID IKOLLU POĠĠAMAN UKOLL?

Iva, poġġamani ta’ protezzjoni għandom jitpoġġew madwar trombi u turġien biex jipproteġu kontra waqat ta’ persuni. Xaftijiet, toqob u postijiet oħra minn fejn jistgħu jaqgħu persuni għandhom ukoll ikunu protetti biex ma jaqa ħadd minnhom.

DWAR XOGĦOL FIL-GĦOLI U WAQGĦAT, X’GĦANDU JSIR BIEX IL-PERIKLU JITNEĦĦA JEW JITNAQQAS?

Waqgħat mill-għoli għandhom ikunu fiżikament evitati. Il-prinċipju għandu jkun li xogħol fil-għoli jitwettaq biss b’apparat speċjali jew bl-użu t’apparat ta’ protezzjoni kollettivi bħal ma huma bennieni (jew gaġeġ), armar u pjattaformi addattati (li jkollhom bord tat-tarf (toe-board), poġġaman ewlieni (upper handrail) u poġġaman intermedju (intermediate handrail). Jista’ jintużaw xbieki ta’ sigurta’.

Meta x-xogħol isir permezz ta’ krejn u benniena (jew gaġġa), din ta’ l-aħħar trid tkun solida u tkun għolja biżżejjed u jkollha ta’ l-inqas bord tat-tarf, poġġaman ewlieni u poġġaman intermedju jew alternattiva ekwivalenti.

Biex gaġġa bħal din tintuża biex ittellgħa n-nies ġo fiha bil-krejn, għanda tkun spezzjonati minn inġinier mekkaniku u ċċertifikata bħala tali mill-istess inġinier. Il-ktajjen jew ħbula tal-istess benniena jridu wkoll ikunu spezzjonati minn persuna kompetenti biex jiġi żgurat li dawn huma sodi biżżejjed u jifilħu għal dak il-għan. Il-krejn ukoll irid ikun fi stat ta’ manutenzjoni tajjeb u ċċertifikat minn inginier mekkaniku tal-inqas darba kull erbatax il-xagħar.

Dawk li jkunu ġewwa din il-gaġġa għandhom jagħmlu użu minn arness ta’ sigurta’ (safety harness) li jkun marbut b’ħabel sod mal-ganċ tal-krejn.

Jekk l-użu ta’ dan l-apparat ma jkunx possibli minħabba n-natura tax-xogħol, allura għandhom ikunu pprovduti u għandhom jintużaw meżżi adatti ta’ aċċess u arnessi ta’ sigurta’ jew metodi ta’ ankraġġ oħra ta’ sigurta’.

IL-PONT TAL-KAĦĦALA U BAJJADA HUWA ILLEGALI?

Għalkemm l-użu tal-pont mhux rakkomandat, wieħed għandu jużah biss meta ma jkunx jista’ jaħdem b’metodi aħjar jew meta ma jkunx jagħmel sens li taħdem b’mod ieħor. L-ewwel għażla għanda tkun li taħdem b’apparat aktar sigur, per eżempju bi krejn u gaġġa hekk kif imsemmi hawn fuq, tower ladder jew armar imtella tajjeb.

Biex il-pont jintuża, wieħed irid jieħu dawk il-miżuri u prekawzzjonijiet neċessarli. Fosthom insibu dawn li huma l-aktar importanti:

  • L-apparat kollu (ħbula, fallakki u aċċessorji oħra) jkunu f’kundizzjoni tajba u jifilħu għal dak il-għan;
  • Il-ħbula u l-apparat kollu jiġi spezzjonat qabel jintrama minn persuna kompetenti;
  • Il-pont ikun ankrat sew ma’ postijiet sodi u addattati biex ma’ jaqax b’kollox;
  • Min jużah ikun jaf jużah sew u jkun f’saħħtu;
  • Min jużah jilbes arness ta’ sigurta’ li jrid ikun ankrat ma’ post sod u adattat u indipendenti mill-pont;
  • Tlugħ u nżul fuq u mill-pont isir b’mod mhux perikoluz;
  • Tajjeb li min jużah ikollu assistent li ma jkunx fuq il-pont;
  • Il-pont u l-aċċessorji tiegħu kollha jiġu merfugħ sew meta ma jkunx hemm bżonnom biex ma’ ssirilhomx ħsara.

IL-FORKLIFTER JISTA’ JINTUŻA BIEX ITTELLA N-NIES U JAĦDMU FIL-GĦOLI?

Fil-passat seħħew ħafna korrimenti fejn ħaddiema ġew elevati jew trasportati b’forklifter. Ħafna drabi dawn gew merfugħa fuq pallet poġġuta fuq il-frieket. Din hija prattika perikoluża ħafna (għaldaqstant illegali) u qatt ma għandha tintuża.

Xi forklifters għandhom gaġġa jew benniena li tkun merfugħa mill-forklifter u tintuża bħala pjattaforma biex minn fuqha jsir ix-xogħol.

Biex jittellgħu ħaddiema bil-forklifter f’gaġeġ bħal dawn, l-istess gaġeġ iridu jkunu magħmula għal dan il-għan u spezzjonati minn inġinier mekkaniku. L-istess inġinier għandu joħroġ ċertifikat wara li jiżgura ruħu li fost affararijiet oħra:

  • Il-gaġġa tista’ tintuża għal dak il-għan;
  • Hija ta’ disinn u kostruzzjoni tajba;
  • Għanda lqugħ xieraq (bord tat-tarf, poġġaman ewlieni u poġġaman intermedju, jew alternattiva ekkwivalenti)
  • Tkun marbuta sew mal-forklifter biex ma’ taqax.

Il-forklifter għandu jinżamm f’kundizzjoni tajba u huwa rrakkomandat li jkun spezzjonat u ċċertifikat darba kull tnax-il xahar minn inġinier bil-warrant.

Dawn iċ-ċertifikati u kull prova oħra ta’ tiswijiet u manutenzjoni għandhom jinżammu bħala referenza.

Il-gaġġa u l-irbit tagħha mal-forklifter, ukoll għandhom jiġu spezzjonati u ċċertifikati minn inġinier bil-warrant. Huwa mportanti wkoll li persuna responsabbli għanda tara li din tkun armata sew kull darba li tintuża.

Wieħed għandu jieħu ħsieb ukoll li:

  • il-forklifter jintuża fuq art soda u livell,
  • il- gaġġa tiġi merfugħa biss meta l- forklifter ikun wieqaf u bil-handbrake miġbud,
  • min iħaddem il-forklifter għanda tkun persuna responsabbli u mħarrġa sew fl-użu tal-forklifter.